Gżejjer Galapagos
arċipelagu fl-Oċean Paċifiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gżejjer Galapagos jew il-Galapagos (magħrufa wkoll bħala Archipiélago de Colón jew Las Islas Galápagos), parti mir-Repubblika tal-Ekwador, huma arċipelagu ta’ gżejjer vulkaniċi mferrxin fuq iż-żewġ naħat tal-ekwatur fl-Oċean Paċifiku qrib iċ-ċentru tal-Emisferu tal-Punent. Il-gżejjer jinsabu 906 kilometru fil-Punent tal-Ekwador kontinentali u huma magħrufa għan-numru kbir ta’ speċijiet endemiċi li ġew studjati minn Charles Darwin matul it-tieni vjaġġ tiegħu bl-HMS Beagle. L-osservazzjonijiet u l-kollezzjonijiet tiegħu kkontribwew għat-teorija tal-evoluzzjoni ta’ Darwin permezz tas-selezzjoni naturali.
Il-Gżejjer Galapagos u l-baħar ta’ madwarhom jiffurmaw il-Provinċja tal-Galapagos tal-Ekwador, il-Park Nazzjonali tal-Galapagos, u r-Riżerva tal-Baħar tal-Galapagos. Il-lingwa prinċipali fuq il-gżejjer hija l-Ispanjol. Il-popolazzjoni tal-gżejjer hija kemxejn iktar minn 25,000 ruħ.[1]
L-ewwel żjara li qatt ma ġiet irreġistrata seħħet b’ċikka fl-1535, meta Fray Tomás de Berlanga, l-Isqof tal-Panama, waqt vjaġġ tiegħu lejn il-Perù biex jaqdi r-rwol ta’ arbitru f’diżgwid bejn Francisco Pizarro u Diego de Almagro, baqa’ sorpiż b’din l-art li kienet għadha ma ġietx skoperta. De Berlanga eventwalment irritorna fl-Imperu Spanjol u ddeskriva l-kundizzjonijiet tal-gżejjer u l-annimali li kienu jgħixu fuqhom. Il-grupp ta’ gżejjer intwerew bl-isem ta’ "Insulae de los Galopegos" (Gżejjer tal-Fkieren tal-Art) fl-atlas ta’ Abraham Ortelius li ġie ppubblikat fl-1570. L-ewwel mappa approssimattiva tal-gżejjer saret fl-1684 mill-furban Ambrose Cowley, li semma l-gżejjer individwali f’isem sħabu l-pirati jew f’isem xi Brittaniċi rjali u nobbli. Dawn l-ismijiet intużaw fil-mapep awtoritattivi tan-navigazzjoni tal-gżejjer li tħejjew matul l-isħarriġ tal-Beagle taħt il-kaptan Robert FitzRoy, u fil-ktieb popolari ta’ Darwin The Voyage of the Beagle (Il-Vjaġġ tal-Beagle). Ir-Repubblika tal-Ekwador, li kienet għadha kemm kisbet l-indipendenza, ħadet il-gżejjer mis-sjieda tal-Ispanjoli fl-1832, u sussegwentement tathom ismijiet Spanjoli uffiċjali.[2][3] L-ismijiet antiki baqgħu jintużaw fil-pubblikazzjonijiet bl-Ingliż, inkluż f’The Encantadas ta’ Herman Melville fl-1854. Amministrattivament, il-Galapagos jikkostitwixxu waħda mill-provinċji tal-Ekwador. Il-provinċja hija maqsuma fi tlieta bl-ismijiet tal-iktar gżejjer li jgħixu nies fuqhom, jiġifieri San Cristóbal, Santa Cruz u Isabela.