Grotta ta' Chauvet
grotta b'pitturi preistoriċi fi Franza / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Grotta ta' Chauvet, magħrufa wkoll bħala l-Grotta Chauvet-Pont-d'Arc jew il-Grotta ta' Pont d'Arc, (bil-Franċiż: Grotte Chauvet-Pont d'Arc, pronunzjata bil-Franċiż: [ɡʁɔt ʃovɛ pɔ̃ daʁk]) fid-dipartiment ta' Ardèche fix-Xlokk ta' Franza hija grotta li fiha wħud mill-iktar pitturi ppreservati ta' ġol-għerien fid-dinja, kif ukoll evidenza oħra dwar il-ħajja fl-Aħħar tal-Era Paleolitika.[1] Il-grotta tinsab qrib il-komun ta' Vallon-Pont-d'Arc fuq irdum tal-ġebla tal-ġir 'il fuq mill-baċir preċedenti tax-xmara Ardèche, fil-widien dojoq ta' Ardèche.
Il-grotta ġie skoperta fit-18 ta' Diċembru 1994, u hija meqjusa bħala wieħed mill-iktar siti sinifikanti tal-arti preistorika, tant li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-22 ta' Ġunju 2014[2], inqas minn għaxar snin wara li ġiet skoperta.[3] Il-grotta ġiet esplorata għall-ewwel darba minn grupp ta' tliet speleologi: Eliette Brunel-Deschamps, Christian Hillaire, u Jean-Marie Chauvet. Il-grotta ssemmiet għal dan tal-aħħar sitt xhur wara li fetħa magħrufa bħala "Le Trou de Baba" ("It-Toqba ta' Baba") ġiet skoperta minn Michel Rosa (Baba).[4] Iktar 'il quddiem, il-grupp irritorna fil-grotta. Membru ieħor tal-grupp, Michel Chabaud, flimkien ma' tnejn oħra, daħlu iktar fil-fond tal-grotta u skoprew il-Gallerija tal-Iljuni, l-Aħħar Kompartiment tal-grotta. Chauvet fassal rendikont dettaljat tiegħu stess tal-iskoperta.[5] Minbarra l-pitturi u evidenza umana oħra, huma skoprew ukoll fdalijiet fossilizzati, impronti, u marki minn varjetà ta' annimali, li wħud minnhom issa huma estinti.
Studju ulterjuri mill-arkeologu Franċiż Jean Clottes żvela ħafna iktar dwar is-sit. Id-datar kien kwistjoni ta' diżgwid iżda studju li ġie ppubblikat fl-2012 appoġġa d-datar tal-arti fil-perjodu ta' Aurignac, bejn wieħed u ieħor 30,000–32,000 sena ilu. Studju li ġie ppubblikat fl-2016 uża 88 datar addizzjonali permezz tar-radjokarbonju, u wera li kien hemm żewġ perjodi ta' abitazzjoni fil-grotta, waħda bejn 33,500 sa 37,000 sena ilu u oħra bejn 28,000 sa 31,000 sena ilu, u l-biċċa l-kbira tat-tpinġijiet suwed ġew datati li saru fl-iktar perjodu bikri.[2]