Lag ta' Baikal
lag tettoniku tal-ilma ħelu fin-Nofsinhar tas-Siberja, ir-Russja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Lag ta' Baikal (pronunzja: /baɪˈkɑːl, -ˈkæl/ by-KAHL, -KAL; bir-Russu: Oзеро Байкал, b'ittri Rumani: Ozero Baykal [ˈozʲɪrə bɐjˈkaɫ]; bil-Buryat: Байгал далай, b'ittri Rumani: Baigal dalai) lag tettoniku kbir fir-Russja.[1] Jinsab fin-Nofsinhar tas-Siberja, bejn l-entitajiet federali tal-Oblast ta' Irkutsk lejn il-Majjistral u r-Repubblika ta' Buryatia lejn ix-Xlokk.
B'erja totali ta' 31,722 km2 (12,248 mil kwadru) — jiġifieri kemxejn ikbar mill-Belġju —il-Lag ta' Baikal huwa s-seba' l-ikbar lag fid-dinja bħala erja tas-superfiċe, u huwa wkoll it-tieni l-ikbar lag fl-Ewrasja wara l-Baħar Kaspju. Madankollu, peress li huwa wkoll l-iżjed lag fond, b'fond massimu ta' 1,642 metru (5,387 pied), il-Lag ta' Baikal huwa l-ikbar lag tal-ilma ħelu fid-dinja bħala volum, bi 23,615.39 km3 (5,670 mil kubu) ta' ilma jew 22–23 % tal-ilma ħelu tas-superfiċe fid-dinja, jiġifieri iktar mil-Lagi l-Kbar kollha tal-Amerka ta' Fuq f'daqqa. Huwa wkoll l-eqdem lag fid-dinja b'età ta' 25–30 miljun sena, u huwa fost l-iżjed ċari wkoll.[2]
Il-Lag ta' Baikal jospita eluf ta' speċijiet ta' pjanti u ta' annimali, li bosta minnhom huma endemiċi għar-reġjun. Jospita wkoll it-tribujiet Buryat, li jrabbu l-mogħoż, l-iġmla, il-bhejjem tal-ifrat, in-nagħaġ u ż-żwiemel fuq in-naħa tal-Lvant tal-lag,[3] fejn it-temperatura medja tvarja minn temperatura minima fix-xitwa ta' −19 °C (−2 °F) għal temperatura massima fis-sajf ta' 14 °C (57 °F).[4] Ir-reġjun tal-Lvant tal-Lag ta' Baikal huwa magħruf ukoll bħala Transbaikalia jew Transbaikal, u r-reġjun ta' madwar il-lag stess xi kultant jissejjaħ Baikalia. Il-Lag ta' Baikal tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[5]