Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Awstrija
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Awstrija / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Awstrija rratifikat il-Konvenzjoni fit-18 ta' Diċembru 1992, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
L-ewwel siti tal-Awstrija tniżżlu fil-lista fl-20 Sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar f'Mérida, il-Messiku, fl-1996. F'dik is-sessjoni żdiedu żewġ siti: iċ-Ċentru Storiku ta' Salzburg, u l-Palazz u l-Ġonna ta' Schönbrunn. Mill-2021, l-Awstrija għandha 12-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Ħames siti huma kondiviżi ma' pajjiżi oħra: il-Pajsaġġ Kulturali ta' Fertő / Neusiedlersee huwa kondiviż mal-Ungerija; is-Siti Preistoriċi bil-Puntali madwar l-Alpi huma kondiviżi ma' Franza, mal-Ġermanja, mal-Italja, mas-Slovenja u mal-Iżvizzera; il-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa huma kondiviżi ma' 17-il pajjiż Ewropew; l-Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa huma kondiviżi mal-Belġju, maċ-Ċekja, mal-Ġermanja, ma' Franza, mal-Italja, u mar-Renju Unit; u l-Fruntieri Rumani tad-Danubju huma kondiviżi mal-Ġermanja u mas-Slovakkja. Fl-2017, iċ-Ċentru Storiku ta' Vjenna tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu minħabba l-ippjanar ta' binjiet moderni għoljin ġodda. Is-siti kollha tal-Awstrija ħlief wieħed huma siti kulturali.