Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Eġittu
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Eġittu / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Eġittu rratifika l-Konvenzjoni fis-7 ta' Frar 1974, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2016, l-Eġittu għandu seba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; sitta minnhom huma siti kulturali u wieħed huwa sit naturali. L-ewwel siti tal-Eġittu, Abu Mena, Tebe Antika u n-Nekropoli tagħha, il-Belt Storika tal-Kajr, il-Monumenti Nubjani minn Abu Simbel sa Philae u Memphis u n-Nekropoli tagħha – l-Inħawi tal-Piramidi minn Giza sa Dahshur tniżżlu fil-lista fit-tielet sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li saret f'Luxor, l-Eġittu fl-1979. Sit ieħor, iż-Żona ta' Santa Katarina, żdied fl-2002, u sit ieħor, Wadi Al-Hitan, żdied fl-2005.