Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Iżvizzera
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Iżvizzera / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Iżvizzera rratifikat l-Konvenzjoni fis-17 ta' Settembru 1975.[3]
Mill-2021, l-Iżvizzera għandha 13-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, disa' kulturali u erba' naturali. L-ewwel tliet siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 kienu l-Belt Antika ta' Bern, l-Abbazija ta' Sankt Gallen, u l-Kunvent Benedittin ta' San Ġwann f'Müstair. L-iżjed sit reċenti kienu ż-żewġ foresti li żdiedu mal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa fl-2021. B'kollox hemm ħames siti transnazzjonali: il-Linji Ferrovjarji Retiċi u Monte San Giorgio huma kondiviżi mal-Italja, is-Siti Preistoriċi bil-puntali madwar l-Alpi huma kondiviżi ma' ħames pajjiżi oħra, ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier huwa kondiviż ma' sitt pajjiżi oħra, u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa huma kondiviżi ma' 17-il pajjiż.