Palazz ta' Versailles
palazz f'Versallies, Franza / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Palazz ta' Versailles (pronunzja: /vɛərˈsaɪ, vɜːrˈsaɪ/ vair-SY, vur-SY;[1] bil-Franċiż: Château de Versailles [ʃɑto d(ə) vɛʁsɑj]) huwa eks residenza rjali li nbena mir-Re Lwiġi XIV u li jinsab f'Versailles, madwar 12-il mil (19-il kilometru) fil-Punent ta' Pariġi, Franza. Is-sjieda tal-palazz hija tar-Repubblika Franċiża u mill-1995 ġie ġestit, taħt it-tmexxija tal-Ministeru Franċiż għall-Kultura, mill-Istabbiliment Pubbliku tal-Palazz tal-Mużew u l-Proprjetà Nazzjonali ta' Versailles.[2] Kull sena, bħala medja, 15,000,000 ruħ iżuru l-palazz, il-park jew il-ġonna ta' Versailles, għaldaqstant huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi li jżuruh nies fid-dinja.[3] Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta' viżitaturi li ħallsu l-biljett biex iżuru l-Palazz ta' Versailles naqas b'75 % minn tmien miljuni fl-2019 għal żewġ miljuni fl-2020. It-tnaqqis kien partikolarment qawwi fost il-viżitaturi barranin, li jirrappreżentaw tmenin fil-mija tal-viżitaturi li jħallsu l-biljett.[4]
Lwiġi XIII bena loġġa tal-kaċċa sempliċi fis-sit tal-Palazz ta' Versailles fl-1623 u ssostitwieh b'palazz żgħir fl-1631-1634. Lwiġi XIV kabbar il-palazz f'diversi fażijiet mill-1661 sal-1715. Kien residenza favorita taż-żewġ rejiet, u fl-1682, Lwiġi XIV ttrasferixxa s-sede tal-qorti u tal-gvern tiegħu lejn Versailles, u b'hekk il-palazz de facto sar il-belt kapitali ta' Franza u baqa' hekk anke taħt ir-Rejiet Lwiġi XV u Lwiġi XVI, li primarjament għamlu alterazzjonijiet fuq ġewwa tal-palazz, iżda fl-1789 il-familja rjali u l-belt kapitali ta' Franza reġgħu lura lejn Pariġi. Għall-kumplament tar-Rivoluzzjoni Franċiża, il-Palazz ta' Versailles ġie abbandunat għalkollox u żvujtat mill-kontenuti tiegħu, u l-popolazzjoni tal-belt u tal-inħawi naqset ferm.
Napuljun Bonaparte, wara li ħa lil Franza f'idejh, uża l-Palazz ta' Versailles bħala r-residenza tas-sajf tiegħu mill-1810 sal-1814, iżda ma rrestawrahx. Meta l-Monarkija Franċiża rrestawratu, xorta waħda baqgħet f'Pariġi, u qabel is-snin 30 tas-seklu 19 ma sarux tiswijiet kbar fil-palazz. Il-Mużew tal-Istorja ta' Franza ġie installat ġo fih minflok l-appartamenti tas-sezzjoni tan-Nofsinhar tal-palazz.
Il-palazz u l-park tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 għall-importanza tagħhom bħala ċentru tal-poter, tal-arti u tax-xjenza fi Franza matul is-sekli 17 u 18.[5] Il-Ministeru Franċiż għall-Kultura elenka l-palazz, il-ġonna u xi strutturi sussidjarji tiegħu fil-lista tiegħu ta' monumenti sinifikanti kulturalment.