Università ta' Al-Qarawijin
università f'Fes, il-Marokk / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Università ta' Al-Qarawijin (bl-Għarbi: جامعة القرويين, b'ittri Rumani: Ġāmigħaẗ al-Qarawijīn; bil-lingwi Berberi: ⵜⴰⵙⴷⴰⵡⵉⵜ ⵏ ⵍⵇⴰⵕⴰⵡⵉⵢⵉⵏ; bil-Franċiż: Université Al Quaraouiyine), spelluta wkoll bħala Al-Karawin jew Al-Karawijin, hija università li tinsab f'Fes, il-Marokk. Ġiet stabbilita bħala moskea minn Fatima l-Fihrija fit-857-859 u sussewgwentement saret wieħed mill-iktar ċentri spiritwali u edukattivi ewlenin tal-era tad-deheb Iżlamika. Ġiet inkorporata fis-sistema universitarja statali moderna fl-1963[1] u uffiċjalment ingħatat l-isem ta' "Università ta' Al-Qarawijin" sentejn wara.[2] Il-binja tal-moskea nnifisha hija kumpless sinifikanti wkoll tal-arkitettura storika Marokkina u Iżlamika li fih elementi minn bosta perjodi differenti tal-istorja tal-Marokk.[3]
L-istudjużi jqisu li l-binja ta' Al-Qarawijin effettivament kienet intużat bħala madrasa sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.[4][5][6][7] Bosta studjużi jiddistingwu bejn dan l-istatus u l-istatus ta' "università", li skonthom hija invenzjoni pjuttost Ewropea.[8][9] Huma jiddataw it-trasformazzjoni ta' Al-Qarawijin minn madrasa għal università lura għall-organizzazzjoni tagħha mill-ġdid fl-1963. Xi sorsi, bħall-UNESCO u l-Guinness World Records, ikkwotaw il-binja ta' Al-Qarawijin bħala l-eqdem università fid-dinja jew l-eqdem istituzzjoni tat-tagħlim ta' livell għoli fid-dinja li ilha topera b'mod kontinwu.[10]
L-edukazzjoni fl-Università ta' Al-Qarawijin hija kkonċentrata fuq dik reliġjuża u fuq ix-xjenzi tad-dritt tal-Iżlam, b'enfasi qawwija fuq il-grammatika u l-lingwistika tal-Għarbi Klassiku u x-Xarija Maliki, għalkemm jiġu offruti wkoll lezzjonijiet dwar suġġetti mhux Iżlamiċi lill-istudenti tagħha. It-tagħlim għadu jiġi pprovdut b'metodi tradizzjonali.[11] Studenti minn madwar id-dinja kollha jattendu l-università, fosthom Musulmani mill-Marokk kollu u mill-Punent tal-Afrika, b'uħud saħansitra iktar mill-bogħod. In-nisa tħallew jattendu fl-istituzzjoni għall-ewwel darba fis-snin 40 tas-seklu 20.[12]