Auschwitz
kumpless ta’ kampijiet ta’ konċentrament / From Wikipedia, the free encyclopedia
Auschwitz, magħruf ukoll bħala l-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz, kien kumpless ta' iżjed minn 40 kamp ta' konċentrament u ta' sterminju (bil-Ġermaniż: Konzentrationslager Auschwitz) operat mill-Ġermanja Nażista fil-Polonja okkupata matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst. Il-kumpless kien jinkludi lil Auschwitz I, li kien il-kamp ewlieni (Stammlager) f'Oświęcim; Auschwitz II-Birkenau, li kien kamp ta' konċentrament u ta' sterminju bil-kmamar tal-gass; Auschwitz III-Monowitz, li kien kamp tax-xogħol sfurzat għall-konglomerat kimiku ta' IG Farben; u għexieren ta' sottokampijiet. Il-kampijiet saru sit maġġuri tas-Soluzzjoni Finali tan-Nażisti għall-Kwistjoni tal-Lhud.[1]
Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, bl-invażjoni tal-Polonja min-naħa tal-Ġermanja f'Settembru 1939, ix-Schutzstaffel (SS) ikkonvertew lil Auschwitz I, li qabel kien barrakki tal-armata, f'kamp tal-priġunieri tal-gwerra għall-priġunieri politiċi Pollakki.[2] L-ewwel persuni fil-kamp kienu kriminali Ġermaniżi li f'Mejju 1940 tressqu fil-kamp bħala funzjonarji, u dawn stabbilew ir-reputazzjoni tal-kamp għas-sadiżmu. Il-priġunieri kienu jiġu msawta, ittorturati u ġġustizzjati għal l-iktar raġunijiet trivjali possibbli. L-ewwel iggassjar — ta' priġunieri Sovjetiċi u Pollakki — seħħ fil-blokka nru 11 ta' Auschwitz I lejn Awwissu 1941. Il-kostruzzjoni ta' Auschwitz II bdiet ix-xahar ta' wara, u mill-1942 sal-aħħar tal-1944, il-ferroviji tal-merkanzija kienu jwasslu lil-Lhud mill-pajjiżi tal-Ewropa kollha li kienu ġew okkupati mill-Ġermanja hawnhekk biex jiġu ggassjati.[3] Mill-1.3 miljun ruħ li ntbagħtu lejn Auschwitz, mietu 1.1 miljun ruħ. Fost il-mejtin kien hemm 960,000 ruħ li kienu Lhud (865,000 ruħ minnhom ġew iggassjati malli waslu), 74,000 Pollakk etniku, 21,000 Rom, 15,000 priġunier Sovjetiku tal-gwerra, u sa 15,000 Ewropew ieħor.[4] Dawk li ma ġewx iggassjati mietu bil-ġuħ, bl-għeja, bil-mard, bl-iġġustizzjar individwali, jew bis-swat. Oħrajn inqatlu matul esperimenti mediċi.[5]
Minn tal-inqas 802 priġunieri ppruvaw jaħarbu, 144 minnhom irnexxielhom u l-oħrajn inqatlu, u fis-7 ta' Ottubru 1944 żewġ unitajiet tas-Sonderkommando, li kienu jikkonsistu f'priġunieri li kienu jħaddmu l-kmamar tal-gass, ippruvaw jagħmlu rewwixta iżda ma kellhomx suċċess. 789 membru tal-persunal (mhux iktar minn 15 fil-mija) qatt tressqu quddiem il-liġi;[6] diversi minnhom ġew iġġustizzjati, inkluż il-kmandant tal-kamp Rudolf Höss. In-nuqqas ta' azzjoni, permezz ta' bbumbardjar tal-kamp jew tal-linji ferrovjarji li jwasslu għalih, min-naħa tal-Alleati mal-ewwel rapporti ta' atroċitajiet għadha kwistjoni kontroversjali.
Meta l-Armata Ħamra Sovjetika ressqet qrib Auschwitz f'Jannar 1945, lejn l-aħħar tal-gwerra, l-SS bagħtu l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-kamp lejn il-Punent għall-qatla f'kampijiet fil-Ġermanja u fl-Awstrija. It-truppi Sovjetiċi daħlu fil-kamp fis-27 ta' Jannar 1945, jum li baqa' jiġi kkommemorat mill-2005 bħala l-Jum Internazzjonali ta' Tfakkir tal-Olokawst. Fid-deċennji ta' wara l-gwerra, dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin bħal Primo Levi, Viktor Frankl, u Elie Wiesel kitbu l-memorji tal-esperjenzi tal-waħx tagħhom, u l-kamp sar simbolu dominanti tal-Olokawst. Fl-1947, il-Polonja stabbiliet il-Mużew Statali ta' Auschwitz-Birkenau fis-sit ta' Auschwitz I u II, u fl-1979 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]