Kremlin ta’ Moska
kumpless iffortifikat f’Moska, ir-Russja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Kremlin ta' Moska (bir-Russu: Московский Кремль, trażlitterat: Moskovskiy Kreml, IPA: [mɐˈskofskʲɪj krʲemlʲ]), magħruf ukoll bħala l-Kremlin (għalkemm kemm diversi Kremlini fir-Russja), huwa kumpless iffortifikat fiċ-ċentru ta' Moska li ġie stabbilit mid-dinastija Russa tar-Rurik li kienet fil-poter sas-seklu 15.[1] Fin-Nofsinhar tal-Kremlin hemm ix-xatt tax-xmara Moskva, fil-Lvant hemm il-Katidral ta' San Bażilju u l-Pjazza l-Ħamra, u fil-Punent hemm il-Ġnien ta' Alexander. Il-Kremlin ta' Moska huwa l-iktar wieħed magħruf fost il-kremlin (ċittadelli Russi), u jinkludi ħames palazzi, erba' katidrali, u l-Ħajt tal-Kremlin mad-dawra tiegħu bit-torrijiet tal-Kremlin. Barra minn hekk, fi ħdan dan il-kumpless hemm il-Palazz il-Kbir tal-Kremlin li qabel kien ir-residenza tal-Kżar f'Moska. Il-kumpless issa huwa r-residenza uffiċjali tal-President tal-Federazzjoni Russa kif ukoll mużew li jżuruh kważi tliet miljun viżitatur fis-sena.[2]
L-isem Kremlin ifisser “fortizza fi ħdan belt”[3], u spiss jintuża wkoll metonimikament bħala referenza għall-gvern tal-Federazzjoni Russa bl-istess mod kif id-Dar il-Bajda (bl-Ingliż: White House) tintuża b'referenza għall-Uffiċċju Eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti. Fl-imgħoddi t-terminu kien jirreferi għall-gvern tal-Unjoni Sovjetika (1922-1991) u għall-ogħla membri tagħha (bħas-segretarji ġenerali, prim ministri, presidenti, ministri u kummissarji). It-terminu “kremlinoloġija” jirreferi għall-istudju tal-politika Sovjetika u Russa.
Il-Kremlin huwa miftuħ għall-pubbliku u jistgħu jsiru żjarat turistiċi individwali jew fi gruppi flimkien ma' gwida.[4] Fost ħafna monumenti fi ħdan il-Kremlin wieħed jista' jara l-Kamra tal-Armerija, il-Kanun tal-Kżar, il-Qanpiena tal-Kżar, l-artillerija, u l-wirja tal-iskulturi u tat-tinqix fl-injam Russi.[5] Flimkien mal-Pjazza l-Ħamra, il-Kremlin tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[6]