Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fir-Russja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Russja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Unjoni Sovjetika rratifikat il-Konvenzjoni fit-12 ta' Ottubru 1988, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha, inkluż tar-Russja, setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
L-ewwel ħames Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Unjoni Sovjetika tniżżlu fil-lista fl-14-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li sar f'Banff, Alberta, il-Kanada, f'Diċembru 1990. Minn dawk il-ħames siti, tlieta jinsabu fil-Federazzjoni Russa attwali: il-monumenti ta' San Pietruburgu (li dak iż-żmien kienet Leningrad), Kizhi Pogost, u l-Kremlin ta' Moska u l-Pjazza l-Ħamra.
B'kollox, ir-Russja għandha 31 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-iżjed sit reċenti li tniżżel huwa dak tal-Osservatorji Astronomiċi tal-Università Federali ta' Kazan, fl-2023. B'kollox hemm dsatax-il sit kulturali u ħdax-il sit naturali. Erba' siti huma transnazzjonali. L-Istmu Kuronjan huwa kondiviż mal-Litwanja, il-Pajsaġġi ta' Dauria u l-Baċir tal-Lag ta' Uvs huma kondiviżi mal-Mongolja, u l-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa kondiviż ma' disa' pajjiżi oħra.